Il-ġgant teknoloġiku Apple kellu jirtira 432,000 elf laptop tat-tip Macbook Pro mis-suq fl-Amerika wara li tant kienu qed jisħnu, kienu qed jinħarqu u b’hekk kienu ta’ riskju għal dawk kollha li jużawhom.
Il-laptops irtirati huma dawk 15-inch bi processors 2.2 – 2.5GHz u li jesgħu 2256GB – 1 TB storage.
Il-kumpanija qalet kif dan qed isir wara li daħlula 26 rapport ta’ batteriji fi ħdan il-laptops li qed jisħnu żżejjed.
Filfatt 5 persuni li kellhom fil-pussess tagħhom dan il-laptop ġarrbu ġrieħi relatati ma’ ħruq. Intant il-kumpanija bbażata f’Cupertino, California fl-Amerika qalet ukoll kif irċiviet 17-il rapport relatat ma’ danni ta’ propjeta privata wara li l-Macbook Protagħhom inħarqilhom.
Il-kumpanija ħeġġet lill-konsumaturi tagħha sabiex jieqfu jużaw il-laptops kollha li ġew irtirati u jikkuntatjaw lill-kumpanija sabiex jirtirawlhom u jsewwulhom il-laptops b’xejn.