Il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u l-Intrapriża, Miriam Dalli, reġgħet appellat lill-Kummissjoni Ewropea biex titwettaq valutazzjoni aktar dettaljata fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet Ewropea.
Dan bil-għan li jiġu inklużi aktar portijiet tal-Mediterran, li ma jaqgħux taħt il-kappa tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministri tal-Ambjent fi ħdan l-Unjoni Ewropea ddiskutew l-implimentazzjoni ta’ din l-iskema għas-settur marittimu, waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ambjent it-Tnejn fil-Lussemburgu.
Il-Ministru Dalli affermat l-impenn ta’ pajjiżna għal miżuri maħruġin mill-Unjoni biex jiġi indirizzat is-suġġett tat-tibdil fil-klima, waqt li elenkat kif Malta dejjem saħqet il-bżonn li jiġu indirizzati nuqqasijiet li jistgħu jwasslu għal kundizzjonijiet inugwali bejn portijiet fl-Unjoni u oħrajn li mhumiex.
Aktar pajjiżi ngħaqdu ma’ din is-sejħa biex il-Kummissjoni Ewropea tindirizza l-kwistjoni.
Din il-proposta biex ikompli l-moniteraġġ ġiet aċċettata minn Wopke Hoekstra, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni Klimatika, li kkonferma li l-Kummissjoni se tkompli tissorvelja u tiġbor l-informazzjoni b’rabta ma’ dan is-settur.
Il-Ministru Dalli kkonfermat ir-rieda ta’ Malta li taħdem mal-Kummissjoni u mal-istati membri differenti hekk kif talbet ukoll diskussjoni dwar soluzzjonijiet differenti għal appoġġ lill-industrija, biex ittaffi r-riskji u tevita r-rilokazzjoni tal-karbonju.
Qalet, “Irridu naċċertaw li ma jkunx hemm żvantaġġ fuq il-portijiet li jagħmlu parti mill-Unjoni Ewropea, meta kkomparat ma’ dawk il-portijiet li ma jagħmlux parti mill-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari, fir-reġjun tal-Mediterran. Tlabna lill-Kummissjoni Ewropea, bħala Malta, biex tagħmel studju aktar dettaljat biex iddaħħal aktar portijiet li mhumiex parti mill-Unjoni Ewropea, u fthemna wkoll mal-Kummissjoni Ewropea biex flimkien, nanalizzaw liema huma dawk il-miżuri li jistgħu jidħlu ħalli naċċertaw ruħna li jkun hemm level playing fuq aspett reġjonali.”
Sadanittant, il-Ministru ħeġġet għal soluzzjonijiet reġjonali u globali urġenti fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali biex tiġi indirizzata d-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi.