F’Marsakala l-Prim Ministru u mexxej Laburista indirizza b’mod speċjali lin-nisa, li kienu fost folla sabiħa miġbura biex tagħti merħba lilu u lil martu Michelle Muscat.
Spjega li dan huwa l-aktar Gvern femminista ta’ kull żmien. Minn dawk kollha li ħarġu mill-faqar, għoxrin elf kienu nisa. Dawn naqsu bin-nofs. Il-mira fil-leġiżlatura li jmiss huwa biex it-tfal joħorġu mill-faqar.
Joseph Muscat qal li kien hemm xogħol fejn tidħol l-ugwaljanza li kien ilu wisq biex isir. Fil-passat, taħt Gvern Nazzjonalista, taparsi kien hemm nisa u rġiel fl-istess keffa. Imma meta tneħħi ftit mill-wiċċ, tinduna li writna sistema fejn forsi jkun hemm liġijiet, imma fil-verità, is-soċjetà u l-Gvern li mexxa l-pajjiż għal kwart ta’ seklu, ma mbottax ‘il quddiem dak li hemm bżonn biex in-nisa jkunu mbottati ‘l quddiem kif jixraqilhom. Ibda mix-xogħol, li mingħajru l-ugwaljanza ssir ferm iktar diffiċli.
L-aħjar mezz għall-emanċipazzjoni tal-mara, spjega Muscat, huwa li tkun ekonomikament indipendenti. Meta mara jkollha sors ta’ dħul indipendenti, isir ferm aktar diffiċli li jkun ittollerat l-abbuż. Fid-djar għadu hemm, għadu mistur, u minn jaf kemm mijiet ta’ nisa jsofru għal snin sħaħ.
Joseph Muscat qal li dan il-Gvern qed jagħti l-għodda biex in-nisa jemanċipaw ruħhom u ma jbqgħux vittmi tal-abbuż. “Ma naċċetta lil ħadd li jgħid li mara msawwta sinjal li jkun ħaqqha. Li jipprova jiġġustifika lill-irġiel li jerfgħu idejhom fuq il-mara tagħhom. Jista’ jġorr kemm iġorr voti dak il-kandidat, qatt ma jista jkun aċċettat f’partit li jemmen fit-tolleranza” qal Muscat. Ħaddieħor tant hu iddisprat għal poter li lest jaċċetta nies li jagħmlu dikjarazzjonijiet bħal dawn li m’hawnx posthom f’soċjetà Maltija.
Kburin aktar minn qatt qabel, spjega Muscat, li wieħed mill-prinċipji huwa l-ugaljanza biex nisa u rġiel ikollhom l-istess. Dan il-Gvern flok ikkundanna lill-ommijiet waħedhom, tagħhom l-għodda biex joħorġu mill-faqar. Hemm nisa oħra li llum jafu li jaqblilhom jaħdmu bil-ktieb u jiddikjaraw. Qabel ma kellhom drittijiet ta’ xejn. Fadal xi jsir fis-settur privat, u issa se ssir ħidma minn hemm biex jitjiebu l-kundizjonijiet.
Tkellem fuq il-kunjomijiet, u qal li wasal żmien għal reviżjoni fil-mod li bih il-mara trid tieħu l-kunjom tar-raġel. “Mhux nikkopjaw, imma nantiċipaw iż-żmijiet” qal Muscat “bħal ma qed inkunu nantiċipaw li nagħtu rigal għal min ikollu l-ulied”.
Fakkar ukoll li qed ikun hemm aktar gradwati nisa milli rġiel, u l-miżuri li se jdaħħal Gvern Laburista jekk ikun elett se jgawdu minnhom ħafna nisa. Teħtieġ ħidma biex ikun hemm aktar rappreżentanza ta’ nisa fil-Parlament.
Appella lin-nisa biex jagħżlu dik it-tmexxija li taħdem bil-fatti favur l-ugwaljanza, mhux tagħmel snin sħaħ tkaxkar saqajha.