Ittra miftuħa ffirmata minn iktar minn mitt impjegat ta’ Microsoft appellaw lill-kumpanija biex twaqqaf ix-xogħol tagħha mal-US Border Patrol.
L-appell sar hekk kif l-amministrazzjoni ta’ Trump qed tesperjenza ħafna kritika fuq is-separazzjoni tat-tfal minn mal-familji fil-frunitera mal-Messiku. L-ittra, li tpoġġiet fuq is-sistema interna u kienet ippublikata fin-New York Times, tgħid li l-impjegat qed jirrifjutaw li jkunu kompliċi. Microsoft qalet li t-teknoloġija tagħha ma kinitx qed tintuża għal proġetti relatati mas-separazzjoni tat-tfal minn mal-familji fil-fruntiera. Fi stqarrija ppublikata qabel ma tfaċċat l-ittra tal-ħaddiema, il-kumpanija qalet li tinsab iddispjaċuta b’dak li qed iseħħ, hekk kif l-għaqda tal-familja kienet prinċipju fundamentali tal-politika u l-liġi Amerikana sa minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija. Madanakollu, Microsoft għandha kuntratt ta’ iktar minn dsatax-il miljun dollaru Amerikan mal-Aġenzija Amerikana tal-Immigrazzjoni, Dwana u Infurzar.