Żminijietna – Leħen ix-Xellug temmen li huwa ‘kundannabbli’ l-mod kif il-Kunsill tas-Sannat qiegħed jressaq ir-referendum fuq l-iżvilupp propost f’Ta’ Ċenċ.
L-organizazzjoni qalet li tappoġġja t-tħaddim ta’ referenda għax dan jagħti dritt liċ-ċittadini biex jipparteċipaw direttament fuq kwistjonijiet li jolqtu lilhom u l-ġenerazzjoni futura. Iżda sostniet li l-Kunsill Lokali imissu l-ewwel informa b’mod pubbliku l-ġurnata ta’ meta se jsir ir-referendum u l-mistoqsija li se tkun marbuta miegħu, biex dawk kollha nteressati jkollhom żmien biżżejjed biex jagħtu s-sehem tagħhom fuq dan l-iżvilupp, fosthom ir-residenti tal-lokal, il-midja lokali, u organizazzjonijiet mis-soċjetà ċivili.