Is-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva qed jappella biex fil-jiem li ġejjin, l-anzjani jżommu ruħhom attivi, iżommu d-djar tagħhom sħan u jilbsu sew. Dan minħabba li fil-jiem li ġejjin it-temperatura se tkompli tinżel.
Skond l-Uffiċċju Meterjoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, l-ogħla temperatura bejn illum, il-Ħamis 3 ta’ Jannar 2019, u tmiem il-ġimgħa, se tkun bejn 9 gradi u 12-il grad, u tinħass inqas għal madwar 5 gradi minħabba r-riħ. Fil-fatt, qed ikun imbassar li r-riħ minn Majjistral it-Tramuntana se jkun qawwi.
Għaldaqstant, l-anzjani li se jkollhom bżonn joħorġu għandhom jilbsu lbies sħun u komdu filwaqt li dawk li se jibqgħu ġewwa jieħdu ħsieb li wkoll iżommu lilhom infushom sħan.
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis iħeġġeġ lill-anzjani jieħdu xorb u ikel sħun bħal tè, kafè u sopop, iżommu ruħhom attivi u jagħmlu xi tip ta’ eżerċizzju fiżiku għaliex dan jgħin biex iżommu sħan ukoll.