Hekk kif joqrob żmien il-Milied u jiżdiedu l-ikliet u x-xiri tar-rigali, jiżdied ukoll il-konsum ta’ ikel u anke t-tgeżwir ta’ rigali, li jwasslu wkoll għal żieda fil-ħela.
Fil-fatt ta’ kull sena jiżdied il-volum ta’ skart, u għalhekk l-appell tal-WasteServ huwa li jinxtraw affarjiet b’ammonti sensibbli.
Davinia Shead, uffiċjal fi ħdan il-WasteServ qalet li fil-każ ta’ karti ta’ tgeżwir, dawn mhux kollha jistgħu jiġu riċiklati, u allura alternattivi riċiklabbli jistgħu ikunu gazzetti jew magazines.
Tenniet, “Forsi dak li jkun jgħidlek ‘Le jien il-gazzetti ma togħġobnix l-idea u lanqas magazines’, avolja nħeġġiġhom jagħmlu Google search u jaraw kemm jistgħu jiġu sbieħ, għandek ukoll il-brown paper. Tista’ tuża l-brown paper, normalment kulħadd ikollu brown paper, u din tista’ tiġi riċiklata.”
Rigward iż-żieda fix-xiri tal-ikel hija nnutat il-bżonn li wieħed jippjana dak li se jsajjar qabel jixtri, hekk kif mingħajr pjan ikun hemm aktar possibilità ta’ ħela.
Apparti minn hekk Shead qalet li anke jekk jifdal ikel żejjed, dan xorta waħda jista’ jittiekel l-għada, u jekk xorta waħda dawn jintremew, għandhom jintremew fil-borża l-bajda.
Hija qalet, “Hawn l-appell huwa li l-iskart tal-ikel dejjem jintefa’ fil-borża l-bajda biex b’hekk il-Wasteserv tkun tista ddawru f’riżorsa u tiġġenera l-enerġija minnu. Apparti minn hekk noqodu ftit attenti li jekk għandek xi napkins fuq il-mejda, tista’ tiddisponi minnhom mal-iskart tal-ikel.”
Hija appellat ukoll biex il-pubbliku jibda jnaqqas l-iskart tul is-sena kollha, b’differenzi żgħar, fosthom billi jirrifjuta basktijiet fejn m’hemmx bżonn.
Temmet tgħid, “Miżuri żgħar, passi żgħar li naddottawhom fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, jaf jagħmel impatt kbir. Sfortunatament f’pajjiżna diġà għandna volum kbir ta’ skart li jiġi ġġenerat, allura huwa mportanti li kull wieħed u waħda minna jieħu risponsabbiltà u jagħmel l-għan tiegħu.”