Hekk kif it-temperaturi f’pajjiżna bdew jogħlew u aktar nies bdew jinżlu jgħumu, spikka l-appell mit-Transport Malta sabiex, fil-baħar, wieħed dejjem iżomm moħħu hemm.
Konrad Muscat, Direttur fit-Transport Malta, tkellem dwar kif wieħed għandu jirrispetta b’mod speċjali lill-għawwiema fl-ibħra ta’ madwar Malta u Għawdex.
Spjega kif l-għawwiema jistgħu jagħmlu użu minn żoni magħżula speċifikament għalihom, li huma maħsuba biex iżommuhom ’il bogħod mill-periklu.
Muscat stqarr, “F’dawn iż-żoni mhu permess ebda tip ta’ attività li m’għandiex x’taqsam mal-għawm, jiġifieri ebda tip ta’ tagħmir relatat mas-sajd jew xi attività oħra li tista’ tipperikola l-għawwiema li jkunu fiż-żona.”
Konrad Muscat qal li dan ma jfissirx li l-għawwiema ma jistgħu jgħumu mkien ieħor, iżda li jekk wieħed jagħżel li jgħum ‘il barra miż-żoni ddedikati għall-għawwiema, ikun qed jagħmel hekk għar-riskju tiegħu.
L-appell tiegħu kien sabiex kull min juża l-baħar għar-rikreazzjoni, jirrispetta lil kull min ikun hemm madwaru.
Huqa stqarr, “L-appell, bħall-kampanja tagħna, hu biex kulħadd ikun moħħu hemm, kulħadd ikun mgħarraf dwar x’inhuma dawn iż-żoni u x’jista’ jsir. Jekk wieħed jinnota li hemm xi kenura, kemm jista’ jkun jagħmlu rapport, għax kif għidt qabel, dawn iż-żoni jridu jkunu liberi minn kull opra tal-baħar.”