Nhar it-9 ta’ Ottubru, dak li għal Andrea Calleja, magħruf bħala ‘Batman’, kellu jkun avveniment sportiv, spiċċa inċident sfortunat. Dan għaliex hu ġarrab ġrieħi serja fix-xewka ta’ dahru u f’għonqu.
Dawn il-ġrieħi normalment iwasslu għal paraliżi totali, iżda fil-każ ta’ Calleja riċentament feġġ xaqq ta’ dawl meta beda jieħu n-nifs waħdu mingħajr ventilatur u anke beda juża idu l-leminija.
Biex Andrea joħroġ mill-Isptar jeħtieġ li jirkupra l-użu taż-żewġ idejn u jerġa’ jikseb xi ftit indipendenza.
Andrea, li għandu biss 30 sena, jeħtieġ ħafna terapija u jrid jivvjaġġa fit-tul lejn faċilità ta’ riabilitazzjoni barra minn Malta.
Minħabba l-ispejjeż li dan il-vjaġġ iġib miegħu, dawk qrib ta’ Andrea fetħu l-paġna fuq il-Facebook bl-isem ta’ ‘Andrea Calleja Fundraising’ sabiex jiġbru l-fondi filwaqt li jaġġornaw lin-nies dwar il-kundizzjoni tiegħu.
Bħala parti mill-inizjattiva għall-ġbir ta’ fondi, huma qed jorganizzaw ukoll attività nhar l-Erbgħa 14 ta’ Diċembru, bl-isem ta’ ‘The Dark Night Rises’.
Bosta qraba, ħbieb u dawk qrib tiegħu, appellaw għall-għajnuna.
Tixtieq tgħin lil Andrea int ukoll? Tista’ tagħmel dan permezz ta’ dan il-link.