Fl-ewwel messaġġ tiegħu tal-Milied lill-poplu Malti, il-President ta’ Malta George Vella għamel appell qawwi għall-ġenerożità li għaliha l-poplu Malti huwa tant magħruf.
Saħaq li fl-aħħar ġimgħat ingħatat spinta qawwija lill-ħidma fil-ġbir ta’ fondi b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Għalhekk saħaq li l-mard ma jistax jistenna.
Qal li “Hemm bżonn ta’ għajnuna kbira lil ħafna madwarna. Ħafna li jidhru, u bosta aktar li ma jidhrux, qegħdin ibatu fis-silenzju. Lil dawn obbligati ngħinuhom. Ma’ dak kollu li ġara u li għaddej, m’għandux jeħel il-marid, u mhux aċċettabbli li mas-sitwazzjoni politika inkissru wkoll kull tama ta’ għajnuna għal min hu batut.”
Fl-isfond tal-festa ta’ solidarjetà tal-Istrina, Dr. Vella għadda messaġġ ta’ għaqda.
Qal kif “Ejjew nagħmlu l-almu tagħna biex inwarrbu dan kollu u nħarsu lejn dak li jgħaqqadna, u mhux dak li jifridna.”
Lill-Maltin u lill-Għawdxin, il-President irringrazzjahom tas-sostenn li tawh fl-ewwel xhur tal-Presidenza tiegħu.
Huwa semma l-valuri bħall-għożża u l-għaqda fil-familja.
Qal kif “Nixtieq li llum aktar minn qatt qabel nżommu quddiem għajnejna l-valuri li nassoċċjaw mal-festa tal-Milied, u napprezzaw it-tajjeb kollu li jagħmilna Maltin – il-lealtà lejn il-familja, il-bżulija, u l-ġenerożità tagħna.”
Il-President fakkar liċ-ċittadini tal-pajjiż li mhux fil-Milied biss iżda anki matul is-sena għandna nħarsu lejn dawk l-aktar vulnerabbli.
Vella spjega kif “Is-solitudni hija kerha – u f’dan iż-żmien tas-sena tinħass ħafna iktar. Nagħmel appell lil kull wieħed u waħda minnkom biex idduru bil-morda tagħna, bl-anzjani u b’min forsi m’għandux il-mezzi li jgawdi daqs membri oħra tal-familja. Tibqgħux bierda quddiem min jinsab waħdu”
Fil-messaġġ tal-Milied, il-President ta’ Malta tenna l-appell għall-għajnuna lill-Malta Community Chest Fund u fisser il-ħtieġa tat-tolleranza u r-rispett.
George Vella wiegħed li se jibqa’ jqiegħed l-interess ta’ kull Malti u Maltija f’kull pass u deċiżjoni mistennija minnu.