Tiftakru lil dak iċ-ċkejken ta’ 3 snin li spiċċa bla ħajja wara li prova jaħrab mill-gwerra fis-Sirja? Missier Alan Kurdi, qed jappella lill-awtoritajiet Ewropej biex iħallu l-fruntieri miftuħin biex tfal bħal Alan, jingħataw it-tama ta’ ħajja ġdida.
Abdullah Kurdi stqarr li fil-fond għad għandu tama li l-kapijiet tad-dinja se jwaqqfu l-gwerra fis-Sirja. Ir-ritratt ta’ ibnu kien ġibed l-attenzjoni madwar id-dinja kollha u qajjem diskussjoni dwar il-kriżi tal-imigrazzjoni. Dan ir-raġel tilef saħansitru lil ibnu Galib u lil martu Rihan fil-vjaġġ tagħhom lejn il-gżira Griega ta’ Kos, u dik it-triq li kellha tkun il-bieb ta’ ħajja ġdida, spiċċat traġedja għal dan il-missier li rnexxielu jsalva u jgħix fl-Iraq. Propju llum, it-2 ta’ Settembru, dawn iċ-ċkejkin flimkien ma’ ommhom jagħlqu sena minn meta tilfu ħajjithom.

“Kuljum naħseb fuqhom iżda llum aktar minn ġranet oħra, nħoss in-nuqqas tagħhom u nixtieq li jinsabu reqdin maġenbi.”
Huwa fisser kif il-gwerra aktar ma jgħaddi żmien iktar qed tiżdied u li aktar nies se jfittxu refuġju f’pajjiżi oħra. Fi kliemu huwa spjega li r-refuġjati ma jridu xejn ħlief li jgħixu f’pajjiżhom iżda s-sitwazzjoni preżenti f’pajjiżi bħas-Sirja ma tippermettilhomx.


Fl-2015, aktar minn miljun refuġjat u mmigrant laħqu l-ibħra Ewropej, iżda huma l-eluf dawk li tilfu ħajjithom fi triqthom wara li ssugraw ħajjithom biex forsi jsibu ħajja aħjar. Din is-sitwazzjoni tkompli hekk kif tul il-lejl tat-Tlieta Il-gwardja kostali Taljana salvat madwar 3000 immigrant li sabu ruħhom f’diffikultajiet fl-istrett ta’ Sqallija. Dan permezz ta’ tletin missjoni ta’ salvataġġ li twettqu separatament.It-3000 immigrant salvati jfisser li f’temp ta’ jumejn l-Italja salvat madwar għaxar t’elef immigrant li sabu ruħhom f’diffikultajiet fi triqithom lejn l-Ewropa.