Fil-Premju Nazzjonali fil-Qasam tad-Dimensja, organizzat mid-Direttorat għall-Kura tad-Dimensja u l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, ġew rikonoxxuti diversi persuni.
Roslynn Vella ġiet rikonoxxuta bħala carer informali, filwaqt li Carmel Damato, ingħata l-premju għal professjonist jew tim fil-qasam tad-dimensja.
It-tabib Anthony Scerri ngħata l-premju għal kontribut eċċezzjonali fil-qasam tad-dimensja, waqt li Rita Vella, irċeviet rikonoxximent speċjali.
Waqt diskors li għamel, il-President George Vella appella għal aktar kuxjenza dwar id-dimensja, bil-għan li s-soċjetà tifhem aktar din il-kundizzjoni. Hu spjega kif id-dimensja tħalli effetti negattivi fuq il-kwalità tal-ħajja tal-individwi affettwati u qrabathom.
Aċċenna dan mal-importanza tal-attività fiżika, it-tnaqqis tal-obeżità, il-promozzjoni ta’ dieta bilanċjata u tajba għas-saħħa u l-waqfien mit-tipjip u l-konsum tal-alkoħol.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, wera t-tħassib tiegħu dwar l-inċidenza tad-dimensja, li kulma jmur qed tiżdied f’pajjiżna bħal f’bosta pajjiżi oħrajn.