Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed jappella għal aktar donazzjonijiet tad-demm b’mod partikolari demm tat-tip O positive.
Dan hekk kif sal-lejla hemm bżonn urġenti ta’ 103 boroz ta’ demm ta’ dan it-tip.
F’messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook spjegaw kif min fl-aħħar jiem ħa t-tilqima tal-Covid-19, ikun jista’ jagħti d-demm jumejn minn wara t-tilqima.
Mill-banda l-oħra jekk fl-ewwel 48 siegħa wieħed ikollu deni jew sintomi ta’ influwenza, ikun irid iħalli sebat ijiem jgħaddu biex ikun jista’ jagħti d-demm.
Spjegaw kif dan jgħodd ukoll għal min qed jieħu t-tilqima tal-influwenza staġjonali.
Huma avżaw ukoll li dawk li ġew ittestjati pożittivi għall-Covid-19 ikunu jistgħu jagħtu d-demm ġimgħatejn minn wara li tintemm il-kwarantina, waqt li dawk li kienu bi kwarantina preventiva jkunu jistgħu jagħtu d-demm hekk kif jintemm il-perjodu ta’ iżolament.
Appellaw kif hu importanti li l-għoti tad-demm isir llum sas-6:00pm fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’Manġa.
Il-karta tal-identità hi meħtieġa biex wieħed jagħti d-demm.