Kull sena, madwar id-dinja, imutu dsatax-il miljun persuna minħabba mard tal-qalb.
F’Malta, tnejn minn kull ħamest imwiet, huma marbutin mal-mard tal-qalb.
Dawn l-istatistiċi huma r-raġuni għaliex il-Ħadd filgħodu, fl-Isptar Mater Dei, ittellgħet kampanja t’għarfien dwar il-prevenzjoni ta’ dan il-mard.
Din il-kampanja bdiet b’mixja madwar l-isptar, bil-messaġġ ikun dwar l-importanza tal-eżerċizzju.
F’konferenza tal-aħbarjiet wara din il-mixja, ġie spjegat l-importanza tat-testijiet regolari.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei, Robert Xuereb sostna li hemm bżonn li tinbidel b’mod drastiku l-kultura tal-Maltin marbuta mal-eżerċizzju u l-ikel.
Qal, “Inbiddluha issa qabel ma jinqalgħu l-kumplikazzjonijiet. Inbiddluha anke ’l quddiem meta jkunu nqalgħu l-kumplikazzjonijiet, magħrufa bħala prevenzjoni sekondarja. Iktar importanti hu li nippruvaw nevitaw li jinqala’ l-ewwel attakk tal-qalb, l-ewwel puplesija. Dawn huma kkawżati prinċiparjament minn xaħam, jew kollesterol li jsib ruħu fl-arterji u jista’ jiġi evitat.”
Huwa spjega l-importanza ta’ aktar miżuri finanzjarji biex jinxtara ikel li huwa tajjeb għas-saħħa.
Spjega, “Il-problema f’pajjiżna hija li l-‘fast foods’ huma aċċessibbli u iktar irħas minn ikel tajjeb għas-saħħa, bħall-ħaxix u ħut. Mela għandna bżonn naraw x’nagħmlu biex innaqqsu l-prezz tal-ikel tajjeb biex ninkoraġixxu aktar nies jiekluh u nintaxxaw l-ikel li jikkawża l-mard bħal ma qegħdin nintaxxaw l-alkoħol u s-sigaretti.”
Infermier fil-klinika tal-qalb qal li ħafna mit-tbatija li jgħaddu minnha pazjenti b’mard tal-qalb, jikkawżawha b’deċiżjonijiet li jsiru ta’ kuljum, b’mod speċjali marbuta mal-ikel.
Qal, “Il-kollesterol ovvjament huwa livell għoli ta’ xaħam fid-demm. L-ewwel nett id-dieta tagħna l-Maltin, sippost tkun dieta Mediterranja bl-inqas xaħam possibbli u l-eżerċizzju. L-eżerċizzju jrid ikun parti mill-istil tal-ħajja tagħna biex inżommu l-piż tajjeb tul ħajjitna kollha, u mhux ikun perjodu biss minn ħajjitna u wara nerġgħu niżdiedu fil-piż.”
L-appell hu biex meta jsiru l-bidliet għall-aħjar fl-istil ta’ ħajja li ngħixu, inżommuhom tul ħajjitna kollha.