“L-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani huma eskalazzjoni inkwetanti u rridu naħdmu flimkien biex ninkoraġġixxu lil dawk kollha involuti biex jagħżlu d-djalogu u n-negozjati, mhux l-użu tal-forza.”
Dan kien il-messaġġ prinċipali li wassal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, waqt laqgħa għolja t-Tnejn filgħaxija fil-Lussemburgu bejn il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin Ewropej u l-Kunsill ta’ Koperazzjoni fil-Golf fejn ġew diskussi s-sigurtà u l-koperazzjoni reġjonali.
Waqt id-diskussjoni, il-Ministru Borg, li attwalment jippresiedi l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, u l-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, spjega li Malta se tkompli tafferma l-importanza tad-djalogu u n-negozjati effettivi f’kull livell internazzjonali.
“Iżda fuq kollox, il-messaġġ tiegħi kien, ejja ma ninsewx, ejja ma niddevjawx minn fuq Gaza. Gaza li diġà rat iżjed minn 33,000 ċittadin innoċenti, tfal, nisa, anzjani jinqatlu. Ovvjament fadal anke ostaġġi li kienu nħatfu u li aħna qed nitolbu r-rilaxx immedjat tagħhom. Dawn ilhom issa iżjed minn sitt xhur maħtufa. U fuq kollox li jasal l-ikel u li tasal l-għajnuna lil dawk fil-bżonn.”
Ian Borg – Ministru
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, qalet li Malta qed tirrikonoxxi wkoll id-dikjarazzjonijiet pożittivi ta’ Iżrael li saru dan l-aħħar dwar il-ftuħ mill-ġdid t’aktar aċċessi u l-ftuħ t’aċċessi ġodda għat-Tramuntana ta’ Gaza.
Il-Ministru Borg irrefera wkoll għas-sitwazzjoni fil-Baħar l-Aħmar u fl-Istrett ta’ Bab el-Mandeb, u qal li l-attakki kontinwi tal-Houthi fuq bastimenti kummerċjali jeħtieġ jieqfu biex jiġi evitat ir-riskju li jintilfu passi għall-paċi li saru fil-Jemen.