Il-Ministru għall-Ġustizzja qal lill-ġurnalisti u bloġġers biex jaħsbuha darbtejn qabel jaqbdu u jfajjru kritika kontra l-Qrati għax hekk ikun ikunu qed jagħmlu ħsara lil kolonna kruċjali tas-soċjetà Maltija.
Huwa qal li tiskanta tara fuq il-websites tal-ġurnali rapport dwar każ fil-qorti li ma jkunx fih aktar minn ftit paragrafi iżda mbagħad taħtu jkun hemm ruxxmata kummenti mill-qarrejja kollha jgħidu tagħhom u jilgħabuha ta’ mħallef jew maġistrat.
Il-Ministru Owen Bonniċi qal li l-mod kif nitkellmu dwar il-ġustizzja jirrifletti kemm ikollna rispett lejn l-istituzzjonijiet.
Il-ministru kien qed jikkummemnta dwar artiklu li deher fil-faċċata tat- Times of Malta fejn kien allegat li hemm racket bejn l-esperti tal-qorti u l-ġudikatura.
Waqt li jaċċetta kritika kontra l-politiċi, il-Ministru Bonnici qal li wieħed għandu joqgħod attent kif jikkritika l-ġudikatura għax din hija pilastru tad-demokrazija.