Fir-Renju Unit bosta qed jikkampanjaw għat-tneħħija ta’ ‘terapija’ għall-konverżjoni ta’ persuni gay, għaliex jemmnu li din tiftaħ il-bieb għall-prattiċi ta’ mibegħda. It-terapija għandha l-għan li tibdel l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru.
Fid-diskors tar-Reġina ntqal li l-Gvern se jiddikjara din it-terapija bħala illegali.
Artiklu fuq rivista Ingliża tefa’ dawl fuq kif esperti jinsabu mbeżżgħa minħabba d-dewmien ta’ din il-projbizzjoni u qed juru t-tħassib tagħhom li leġiżlazzjoni ġdida tista’ ma tkunx biżżejjed biex jieqfu dawn it-tip ta’ prattiċi. Dan għaliex jista’ jitkompla talb fuq is-sesswalità ta’ persuni gay.
Crispin Blunt, mill-Grupp Parlamentari Global LGBT, qal li l-Prim Ministru Boris Johnson tilef il-fiduċja tal-persuni LGBT.
Persuna li qed tikkampanja favur din il-projbizzjoni, iddeskriviet it-terapija bħala tortura, li kapaċi twassal biex membru minn din il-komunità jtemm ħajtu hu stess.
Din il-prattika kienet deskritta wkoll bħala mhux effettiva, mhux etika, u li potenzjalment tista’ twassal għall-ħsara fuq il-bniedem.
Daniel Harding, ġuralist għall-istess rivista tkellem mal-attivist Matthew Grech, wieħed mid-diretturi ta’ għaqda li timbotta biex persuni gay jieħdu t-terapija. Waqt li prova jikkonverti lill-ġurnalist, li uża isem fittizju waqt id-diskussjoni, Grech tenna li jaf bosta li qabel kienu attirati lejn persuni tal-istess sess, li għelbu dan kollu u llum għandhom familja.
Ġie rrappurtat ukoll li waqt l-intervista, Grech qal li ħadd ma jitwieled gay, u li l-ambjent tal-madwar jinfluwenza l-moħħ tal-bniedem. Qal ukoll li kull min attenda t-terapija mal-għaqda tiegħu ammettew li l-attrazzjoni lejn oersuni tal-istess sess naqset.
Il-ġurnalist iddeskriva d-diskussjoni li kellu ma’ Grech bħala sħubija ma’ xi kult.
Persuni fir-Renju Unit li għaddew minn din l-hekk imsejħa terapija, li wkoll tkellmu mar-rivista, qalu li kienu jħossuhom qishom qed jagħmlu d-dnub, u li kien jintqal lilhom li Alla ma joħloqx nies gay. Persuna minnhom saħansitra qalet ukoll li ġiet trattata donnha persuna pposseduta mix-xjaten, li kellha bżonn eżorċiżmu.