Kienet gwerra missielta, imdemmija u ta’ terrur.
Ħalliet bosta mejta, waħidhom fl-għajjat tal-gwerra u bla ebda dinjità.
Din kienet il-gwerra tal-Gallipoli, ftit aktar minn mitt sena ilu, fejn l-Alleati, jiġifieri l-Ingliżi, il-Franċiżi u r-Russi ġġieldu kontra l-imperu Ottoman fl-ewwel gwerra dinjija.
Bosta Maltin marru jiġġieldu fil-Gallipoli, llum parti mit-Turkija viċin Istanbul.
Wieħed mill-Maltin li ġġieled f’din il-battalja kien Alfred Gatt, li ġġieled b’qilla liema bħalha, tant li l-militar Ingliż onorah b’midalja prezzjuża għal qlubija tiegħu.
Gatt huwa wieħed minn disa’ Maltin li ħa din il-midalja tas-salib tal-qlubija.
Gatt ngħata din il-midalja wara li tefa’ n-nar f’maħżen tal-munizzjon wara li qabad meta ġie bbumbardjat mit-Torok.
Aktar tard Alfred Gatt sar Brigadier u mexxa l-Artillerija Rjali ta’ Malta fit-tieni gwerra dinjija.
Intant aktar minn mitt sena wara, fuq il-midja soċjali deher appell mhux tas-soltu.
X’imkien f’Malta hawn mitlufa il-midalja prezzjuża ta’ Gatt.
Dan l-istazzjon tkellem ma’ Francesca Gatt, li Alfred jiġi l-bużnannu tagħha, fejn irrakkuntat x’seta’ wassal biex din il-midalja ntilfet.
Qalet, “It-Tlieta li għadda missieri u kuġinuh marru l-mużew mhux biex juru l-midalja biss imma kien hemm aktar midalji u fil-fatt il-mużew kienu interessati ħafna. Missieri fi triqtu lejn id-dar skoprejna li waħda mill-midalji intilfet. Kien hemm toqba żgħira fil-basket u naħsbu li waqgħet.”
Francesca Gatt qalet x’sinjifikat fiha din il-midalja.
Qalet, “Din il-midalja hija The Military Cross li ngħata l-bużnanna fl-1916 wara l-battalja ta’ Gallipoli, jiġifieri bħala storja importani mhux biss għalina bħala familja imma wkoll għal Malta għax ftit uffiċjali Maltin irċevew din il-midalja.
Kien hawn li appellat fejn wieħed jista’ jsib din il-midalja u jekk isibha x’għandu jagħmel.
Spjegat, “Nixtiequ forsi jkun hemm xi ħadd fi triqtu l-Imsida jew San Ġwann u l-Belt jew forsi kollettur li b’xi mod tiġi f’idejh li jistgħu jmorru l-għassa biex jagħtu din il-midalja lill-Pulizija ovvjament bla mistoqsijiet xejn.”