Il-Kummissjoni Ewropea appellat biex sal-aħħar ta’ din is-sena, il-Gvernijiet tal-pajjiżi Ewropej iwaqqfu l-għajnuna marbuta mal-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija bħal ma hu qed jagħti il-Gvern Malti.
Riżultat ta’ Ewropa li ħarġet minn pandemija u gwerra fl-Ukrajna li wasslet ukoll għal sanzjonijiet fuq ir-Russja, feġġet kriżi fil-qasam tal-enerġija, b’pajjiżi Ewropej jispiċċaw għarkubtejhom u ħallew liċ-ċittadini tagħhom jerfgħu l-piż, b’kontijiet tad-dawl li splodew ’il fuq.
Dan ma seħħx f’pajjiżna fejn mhux biss il-konsumaturi Maltin baqa’ jkollhom fost l-orħos kontijiet tad-dawl iżda l-prezzijiet tal-enerġija f’pajjiżna baqgħu stabbli, jiġifieri m’għolewx.
Dan riżultat ta’ sussidju li ħareġ il-Gvern tal-Prim Ministru Robert Abela fejn fuq is-sena l-oħra u din is-sena biss, il-Gvern investa mal-biljun ewro biex jgħin lill-familji u lin-negozji, faxxa oħra li setgħet ġiet milquta ħażin li kieku l-prezz tal-elettriku spara ’l fuq bħala ma ġara fil-bqija tal-Ewropa.
Minkejja din l-għajnuna kbira, il-qagħda fiskali ta’ pajjiżna tibqa’ waħda b’saħħitha u d-dejn imqabbel mal-prodott domestiku gross mistenni jibqa’ taħt is-sittin fil-mija, ferm inqas minn dak stipulat mill-Unjoni Ewropea u minn dak li kellha Malta taħt GonziPN waqt sfidi internazzjonali ferm iżgħar.
Differenti għall-Gvern ta’ Robert Abela, il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech irid iwaqqaf din l-għajnuna li qed jagħti il-Gvern, fejn l-ewwel kien qal li kien jagħmel bħal GonziPN u la jogħlew minn barra, jogħlew anki f’Malta wkoll, imbagħad quddiem ir-rappreżentanti tan-negozji, fosthom fabbriki li jikkonsmaw ħafna elettriku, Bernard Grech qal li l-għajnuna mhiex sostenibbli.
“Li tibqa tissusidja l-enerġija żġur li mhijiex l-aktar għażla sostenibbli.”
Il-Partit Nazzjonalista kompla b’din il-politika ta’ awsterità flok inċentiv permezz tad-deputat tiegħu Chris Said, li qed isostni li l-Ewropa qed tgħid hekk ukoll.
“L-Unjoni Ewropea, mhux Bernard Grech biss, lill-Gvern Laburista qed tgħidlu: ey, ara x’se tagħmel, ibda l-phasing out.”
Malta mistennija wkoll għal din is-sena u s-sena d-dieħla l-inqas rata ta’ qgħad u t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku, bl-inflazzjoni mistennija tonqos b’iżjed min-nofs, is-sena d-dieħla.
Dan skont rapport tal-Kummissjoni Ewropea li nnota wkoll kif il-Gvern Malti qed jibqa’ jassigura li se jagħti l-għajnuna favur stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija.
“Dik hija differenza fundamentali oħra bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista. Huma kienu forsi jaslu biss fis-sena tal-elezzjoni, imbagħad tgħaddi l-elezzjoni u nafu x’kienu jagħmlu l-għada – jissikkaw iċ-ċintorin. Aħna naslu dejjem, irrespettivament minn meta hija l-elezzjoni; aħna naslu ta’ kuljum.”
Il-Prim Ministru Robert Abela