Il-Kulleġġ Malti tal-Ostetriċja u l-Ġinekologi qed jappella lin-nisa tqal biex jieħdu l-vaċċin kontra l-COVID-19 fid-dawl ta’ żieda fil-kumplikazzjonijiet li qed jaraw fost nisa tqal li jkunu infettati bil-Coronavirus.
Fi stqarrija ntqal kif it-tilqim huwa l-aħjar mod li bih ikunu protetti kemm il-mara u t-tarbija fit-tqala.
Il-professjonisti qalu li l-vaċċin għandu l-potenzjal li jnaqqas ċertu riskji fit-tqala, fosthom li l-omm tispiċċa fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, li t-tarbija titwieled qabel iż-żmien jew saħansitra l-mewt tat-tarbija waqt jew qabel il-ħlas.
L-evidenza qed turi li l-vaċċin jista’ jittieħed waqt it-tqala u anki meta mara tkun qed tredda’.
Għaldaqstant, fl-istqarrija sar l-appell biex nisa tqal jiddiskutu l-benefiċċji u r-riskji tal-vaċċin mat-tabib tagħhom, u jitlaqqmu.
Il-Kulleġġ spjega kif sa issa kien qed iħeġġeġ biss lil dawk in-nisa esposti għall-virus jew dawk b’kundizzjonijiet mediċi biex jieħdu l-vaċċin, imma issa dan l-appell infirex għan-nisa tqal kollha wara t-tnax-il ġimgħa tat-tqala.
Biex jibbukkjaw appuntament biex jieħdu l-vaċċin tal-Pfizer, nisa tqal għandhom iċemplu 145 jew jibagħtu e-mail fuq covid-vaccine@gov.mt.