Mill-ewwel ta’ Jannar tal-elfejn u ħmistax, sal-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena, il-Pulizija Maltija rreġistrat mija u tnejn u sittin każ ta’ suwiċidju.
Minnhom, il-maġġoranza, mija u wieħed u tletin kienu rġiel, u wieħed u tletin kienu nisa.
Li l-maġġoranza tal-vittmi jkunu rġiel hija xi ħaġa li tiġri kull sena, u mhux f’Malta biss.
Fil-fatt, fl-elfejn u ħmistax, minn sitta u tletin vittma, disgħa u għoxrin kienu rġiel. Is-sena ta’ wara kien hemm tliet nisa u tmintax-il raġel. Fl-elfejn u sbatax, minn ħamsa u għoxrin vittma, għoxrin kienu rġiel. Fl-elfejn u tmintax kien hemm tliet nisa u dsatax-il raġel. Is-sena ta’ wara kien hemm żewġ nisa u dsatax-il raġel. Is-sena l-oħra kien hemm seba’ nisa u ħmistax-il raġel, u din is-sena sa issa kien hemm erba’ nisa u ħdax-il raġel.
Dwar dan il-fenomenu tkellimna mal-Kap tad-Dipartiment tal-Psikjatrija fl-isptar Monte Karmeli, Anton Grech.
Huwa qal,“Interessanti wieħed jgħid li bħala attentati ta’ self-harm, in-nisa għandhom iktar mill-irġiel però sfortunatament irġiel iktar jirnexxilhom u r-raġuni ġeneralment hi li l-irġiel jużaw metodi iktar aggressivi.”
Meta wieħed jara l-istatistika tas-suwiċidji f’Malta jinnota li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, diġà hemm kważi daqs kemm kien hemm is-sena l-oħra f’sena sħiħa.
Staqsejna lill-Psikjatra jekk il-pandemija tilgħabx irwol f’dan l-aspett, u qalilna li iktar minn kollox ġie innutata żieda fil-ħsieb fost il-Maltin li riedu jtemmu ħajjithom.
Dr Grech sostna: “Il-pandemija ġabet effetti li n-nies ġew iżolati soċjalment, kien hemm problemi ġo familji, ta’ xogħol, u din żiedet l-ansjetà u d-dipressjoni fil-popolazzjoni.”
Anton Grech spjega li r-riċerka turi li meta wieħed itemm ħajtu jagħmel dan għax ikun għaddej minn xi marda psikjatrika u ħafna drabi ma tkunx deċiżjoni ta’ dak il-ħin.
Huwa tenna: “Fejn jidħol il-mard mentali, fortunatament hawn kura u hawn kura tajba. Li huwa diffiċli għal ħafna nies hu li jersqu għall-għajnuna għaliex hemmhekk jiġi t-tabù.”
Fuq kollox innota li dawn huma żminijiet diffiċli għaliex il-pandemija affettwat lil kulħadd, u għandna nieħdu ħsieb lil xulxin illum iktar minn qatt qabel.
Dr Grech saħaq: “Il-pandemija affettwat ħafna nies b’mod psikoloġiku, infatti hawn min qed jgħid b’mod xjentifiku li r-rata ta’ problemi psikoloġiċi żdiedu. Tajjeb li nżommuha f’moħħna din u bħala poplu u bħala soċjetà, ngħinu ħafna lil xulxin u nieħdu ħsieb lil xulxin biex flimkien nistgħu noħorġu minn dawn il-problemi b’inqas problemi psikoloġiċi kemm jista’ jkun.”