Il-Ġnus Magħquda qed tħares li tagħti sitt mitt miljun dollaru f’għajnuna umanitarja lill-Afganistan hekk kif wissiet li dan il-pajjiż mistenni jibda jħoss kriżi umanitarja.
F’konferenza f’Ġinevra, il-Ġnus Magħquda mistennija tappella lill-komunità internazzjonali biex tagħti s-sehem tagħha biex jiġi mgħejjun il-poplu Afgan li ra l-pajjiż jinħakem mit-Taliban fl-aħħar ġimgħat.
Il-Ġnus Magħquda qed tgħid li ċ-ċittadini Afgani jeħtieġu mediċini, ikel, ilma u servizzi tas-saħħa fost oħrajn.
L-aħħar żviluppi raw inqas flus fl-idejn u kiber it-tħassib tad-drittijiet tan-nisa fil-pajjiż.
Hu stmat li din is-sena aktar minn nofs miljun persuna kellhom jaħarbu minn djarhom kawża tal-ġlied bejn il-forzi tal-Gvern Afgan qabel nofs Awwissu u l-militanti Talibani.
Il-pajjiż ukoll qed jaffaċċja pandemija u nixfa kawża ta’ temperaturi għoljin.