Il-kuntatt kontinwu tal-qraba mal-anzjani huwa kruċjali biex jekk ikun hemm xi sinjal t’abbuż, bħal bidliet fl-imġieba jew marki u grif, jinqabad kmieni.
F’webinar li sar bil-għan li jqajjem l-għarfien dwar l-abbuż fuq l-anzjani, diversi professjonisti minn setturi differenti qasmu l-għarfien tagħhom dwar dan il-fenomenu.
Il-Kap tal-Ħidma Soċjali fi ħdan id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva, Ilona Mercieca, spjegat kif is-suġġett tal-abbuż għall-anzjani huwa wieħed diffiċli u sensittiv immens.
Qalet, “Ħafna drabi, nies li jweġġgħu lill-anzjani jew jagħmlu abbuż mill-anzjani, tkun persuna ta’ fiduċja u allura l-anzjani l-iktar element komuni li nsibu jkun dak ta’ misthija. Għaliex ġrat dil-ħaġa lili? Biża’. Kif ħa nitkellem u ndur kontra l-persuna li suppost qiegħda tieħu ħsiebi?”
L-Ispettur mis-Sezzjoni tal-Frodi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, Anna Marie Xuereb, spjegat li meta jidħol rapport, l-uffiċjali jitkellmu mal-vittma biex iġibu l-informazzjoni.
Qalet li meta l-vittmi jkunu anzjani jħossuhom traduti u skomdi jaqsmu d-dettalji tal-każ.
Appellat biex fejn jidħlu prokuri, l-anzjani jridu joqogħdu attenti li l-persuna tkun tal-fiduċja tagħhom.
Spjegat, “Ikollna drabi jidħlulna rapporti fejn jgħidulna, isma’, jiena ċċekkjajt u rajt li qed jittiħduli flus li jien m’awtorizzajtx li jittiħduli. Ġieli jgħidulna, isma’, jiena ma tlabtx li jingħalquli kontijiet ta’ banek, il-flus fejn marruli? Jiġifieri jridu joqogħdu attenti ħafna meta jiġu biex jagħmlu prokura.”
L-istess appell huwa kruċjali wkoll fejn jidħlu t-testmenti.
Qalet, “X’ħin tmur lura importanti li ssib ma’ min titkellem, ma’ min tiftaħ qalbha. Jekk m’għandhiex, illum il-ġurnata taqbad u ċċempel l-aġenziji li joffru s-sapport, lill-Pulizija, ħalli tiegħu parir u tgħid jekk ġiet sfurzata. L-importanti li ma tagħmel xejn u qatt kontra r-rieda tagħha.”
Waqt il-webinar, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia nnota li din il-ġlieda globali għandha ħafna għeruq u l-abbuż jista’ jsir online, fiżiku, finanzjarju u sesswali, fost l-oħrajn.
Qal li biex ikunu mgħarrfa aħjar dwar x’għandhom jagħmlu, id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva qed jorganizza diversi korsijiet dwar l-użu aħjar tad-dinja online.
Intant, kull min jaf jew għaddej minn xi abbuż, jista’ jirrapporta fl-eqreb għassa tal-Pulizija jew iċempel lis-Sezzjoni tal-Frodi dirett fuq 22947300.