Taħt protokolli oħrajn għandhom jibdew jiftħu ċertu servizzi bħal dawk terapewtiċi għall-persuni b’diżabilità.
Il-Kummissarju tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna sostna li l-persuni b’abbiltajiet differenti qed iħarsu ‘l quddiem lejn normalità ġdida hekk kif l-imxija tal-coronavirus f’pajjiżna qed tiġi kkontrollata b’mod tajjeb.
“Tajjeb li naraw eżempju l-bidu tar-respite services li huma bżonnjużi mmens għall-persuni b’diżabilità u anke għall-familjari tagħhom, għas-servizzi fil-komunità, semmejt it-terapiji. Jiġifieri naħseb jien issa la l-virus qiegħed hawn u forsi qed narah li qed jiġi kkontrollat, naħseb li huwa l-mument opportun li kif saru protokolli oħrajn biex jiffunzjonaw il-hairdressers, ir-ristoraunts eċċ, naraw is-settur tad-diżabilità jerġa’ jibda jiffunzjona”
Is-Sur Scicluna qal li anki l-persuni b’diżabilità u l-qraba tagħhom għandhom l-għatx biex jirritornaw għal normalità ġdida.
“Il-ġenituri ħafna minnhom jistaqsuk meta eżempju t-tfal tagħna se jkomplu t-terapiji b’mod fiżiku, mhux b’mod virtwali, għax dik xi ħaġa li qed issir f’ħafna drabi però nafu li l-impatt tat-terapija huwa importanti ħafna b’mod fiżiku”
Scicluna appella, biex b’kawtela li tħares saħħet kulħadd, jerġgħu jibdew jingħataw is-servizzi tant meħtieġa, li mhux la kemm jistgħu jingħataw permezz tat-teknoloġija.
“Nappella anzi li jkun hemm protokolli li jħarsu s-servizzi mogħtija lill-persuni b’diżabilità biex issa ejja nibdew inħarsu li l-persuni b’diżabilità ma jibqgħux imsakkrin”
Intant, il-Kummissarju tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’diżabilità, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-miżuri ta’ għajnuna li ingħataw il-persuni b’abbiltajiet differenti sabiex xogħolhom ma jkunx f’riskju kawża tal-pandemija.
Qal li fost benefiċċji oħra, kien hemm ġenituri li gawdew minn għotjiet wara li kellhom jieqfu mix-xogħol biex jieħdu ħsieb uliedhom, li jirrikjedu attenzjoni partikolari.