Il-Gvern jirrispetta d-digriet mogħti mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ftit tal-ħin ilu fil-proċeduri ġudizzjari għall-ħruġ tal-mandat ta’ inibizzjoni li ressqet l-Air Malta fil-konfront ta’ Airline Pilots Association (Malta) (ALPA) ftit tal-ħin ilu.
Il-Gvern jinnota li fid-digriet, il-Qorti tagħti importanza għall-fatt illi l-piloti tal-Air Malta għandhom jkunu prudenti fl-aġir tagħhom, u fit-tieni lok tagħti importanza li l-verbali li għamlu l-piloti fis-seduta ta’ nhar 29 ta’ Lulju 2016, fejn dawn intrabtu li mhumiex ser jieħdu l-ebda azzjoni industrijali li tista’ twassal għal kanċellament ta’ titjiriet.
Il–Gvern jappella lill-piloti sabiex jkunu responsabbli fl–azzjonijiet tagħhom. Fil–frattemp il-Gvern ser jibqa jieħu deċizjonijiet responsabbli favur il-ħaddiema, il–linja nazzjonali tal–ajru u l–industrija tat-turiżmu.
Il-Gvern jaċċerta lill-ħaddiema l-oħra tal-Air Malta li mhumiex piloti, lill-klijenti tal-Air Malta kif ukoll lill-Maltin u l-Ghawdxin kollha li jibqa’ jagħmel ħiltu kollha sabiex ma’ jippermetti lil ħadd li jabbuża minn xi“dritt’”tiegħu sabiex jirrikatta lill-Gvern jew lill-Air Malta. Il-Gvern ilu jħares lejn l-għażliet kummerċjali u legali oħra f’dan ir-rigward.