L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma qalet li qed jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex ikun evitat kull periklu wara l-inċident ta’ matul il-lejl f’Wied il-Qlejgħa, fejn kawża tal-maltemp kien hemm ħsarat strutturali.
Matul il-lejl li għadda, parti mit-triq li tgħaddi tul Wied il-Qlejgħa, eżattament il-parti tat-triq maġenb l-iskontru ’l isfel minn niżla tal-Imtarfa ġarrbet ħsarat sostanzjali.
It-triq inkwistjoni hija struttura antika mibnija fuq il-ħamrija taflija li tinsab fil-ġnub ta’ dan il-wied.
L-Aġenzija spjegat li f’dik il-parti tal-wied fejn seħħew il-ħsarat, jinġabar l-akbar volum ta’ ilma f’Malta.
Intqal li minn evalwazzjoni preliminari tas-sitwazzjoni fis-sit, jidher illi l-kollass fit-triq jirriżulta minħabba l-effett ta’ żewġ forzi kuntrastanti relatati mal-ilma tax-xita li niżel f’dawn l-aħħar ġranet.
B’mod immedjat u biex jitnaqqas il-periklu, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma talbet lil Infrastruttura Malta tassistiha biex tagħlaq il-parti tat-triq affettwata u twaħħal tabelli li jindikaw dan l-għeluq u d-devjazzjonijiet relatati.
L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma qalet li huwa importanti li ħadd ma jipprova jgħaddi mill-parti tat-triq fejn saret il-ħsara, anki bil-mixi għaliex hemm il-periklu.
L-Aġenzija qalet ukoll li bdiet diskussjonijiet mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi sabiex jinbeda l-proċess biex isiru x-xogħlijiet ta’ konsolidament u tiswija neċessarja, sabiex filwaqt li tinstab soluzzjoni fit-tul għal dan il-punt kritiku tal-wied, ix-xogħlijiet isiru b’mod ambjentalment sensittiv.