B’referenza għall-ittra anonima li l-Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami ikkwota fil-Parlament u poġġa fuq il-mejda tal-Kamra, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana ċaħdet kategorikament li għandha xi tip ta’ konnessjoni mal-istorja li ssemmiet fuq gazzetta u li qed tintuża mill-Oppożizzjoni bħala stat ta’ fatt.
Fil-Parlament, il-Viċi-Kap tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami allega li f’Għawdex qed isir indħil politiku f’każ li jinvolvi t-traffikar ta’ droga.
Wara dawn l-allegazzjonijiet, li issa saru wkoll anonimi, is-Segretarju Parlamentari fakkret li nfetħet inkjesta indipendenti biex tivverifika l-fatti u tistabilixxi jekk seħħewx dawn in-nuqqasijiet.
Għalhekk, biex verament toħroġ il-verità, il-ġustizzja għandha titħalla tieħu l-kors tagħha bla ma tkun ippreġudikata, fost l-oħrajn b’allegazzjonijiet anonimi.