L-industrija tal-films f’pajjiżna kibret b’rata mgħaġġla fl-aħħar snin, u issa li qed tkompli tikber, hemm bżonn aktar ħaddiema sabiex din l-industrija tibqa’ waħda sostenibbli.
Dan kien il-messaġġ li ħareġ waqt diskussjoni dwar din l-industrija fl-MCAST, fejn studenti kellhom l-opportunità jistaqsu aktar dwar karrieri marbuta mal-films.
Preżenti kien hemm il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, il-Produttur Amerikan Eric Paquette, flimkien ma Joshua Cassar Gaspar, li huwa Maniġer tal-Produzzjonijiet.
Paquette, li bħalissa qed jaħdem fuq produzzjoni f’pajjiżna, stqarr li huwa jammira d-dedikazzjoni ta’ bosta Maltin li jaħdmu f’dan is-settur. Huwa kellu ċ-ċans jitkellem ma’ wħud mid-diversi ħaddiema li skontu qed jagħmlu xogħol inkredibbli.
ONE News tkellem ma’ Neil Fitzpatrick, student fi ħdan l-MCAST, b’ħajra biex jibda karriera f’din l-industrija attraenti. Iżda li diġà beda jkollu esperjenzi tanġibbli.
Huwa stqarr li, minn meta qabad kamera b’idu għall-ewwel darba, ħass ix-xewqa li jaħdem fil-films, u għalhekk meta beda jiġri wara l-ħolma tiegħu, sab bibien miftuħa beraħ mill-Kummissjoni tal-Films.
“Onestament jien bdejt bħala PA, Personal Assistant, inġib il-kafe lin-nies, imma wara bdejt insir naf l-atturi, u kif bdejt inkun naf lin-nies u nagħmel il-connections tiegħi, tellawni sa Third, u wara First AD, fejn vera sirt naf aktar dwar l-industrija. Kont f’kull dipartiment biex nara kif kull wieħed jaħdem, u sirt naf li f’film taħdem bħala tim, qatt ma tkun waħdek.”
Stqarr li għalkemm kellu opportunitajiet sabiex jaħdem fuq proġetti internazzjonali, huwa għażel li jibda jistudja l-MCAST sabiex ikollu bażi aktar soda.
“L-MCAST qed jgħinuni bl-informazzjoni u l-lectures biex jgħinuni fil-ħajja tiegħi biex inkompli sejjer bl-istudji, imma mingħajr il-Film Commission… anke issa li rreġistrajt magħhom bħala camerperson, se jgħinuni iktar biex nidħol fl-industrija. Diġà dħalt bħala PA u sirt First AD, imma nara li l-Film Commission se jtellgħuni iżjed f’din l-industrija.”
Intant, Johann Grech stqarr ma’ ONE News li bħalissa f’Malta qed tinħadem produzzjoni b’mija u tletin ħaddiem Malti jikkontribwixxu fiha.
Huwa appella biex aktar u aktar Maltin jissieħbu fl-industrija, sabiex pajjiżna jibqa’ fuq il-mappa bħala wieħed mill-aqwa postijiet għall-produzzjonijiet ċinematografiċi.
“S’issa, minn Jannar, bqajna nirrankaw bix-xogħol fl-industrija tal-films, u għandna bżonn aktar nies jingħaqdu magħna għaliex dil-industrija tal-films qed tkompli tikber.”