L-effetti tat-tibdil fil-klima diġà bdew jinħassu u l-gżejjer huma l-aktar suxxettibbili għal dan il-fenomenu. Kull ma jmur, temperaturi għolja qed iwasslu għal effetti devastanti fuq l-ekosistemi fraġli tal-gżejjer.
Saħaq dwar dan il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, meta pparteċipa fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu. Il-Parlament kien qed jiddiskuti rapport dwar Starteġija u Patt Ewropej għall-Gżejjer fl-Unjoni Ewropea.
Filwaqt li faħħar l-isforzi li qed tagħmel l-Unjoni Ewropea, qal li wasal iż-żmien li l-Unjoni tindirizza b’mod speċifiku l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-gżejjer fi ħdanha, speċjalment dawk li huma fil-periferija tal-istess Unjoni.
Il-Ministru semma b’mod partikulari l-isfida tal-aċċessibilità, li hija fundamentali sabiex il-gżejjer ikollhom aċċess liberu għall-kumplament tal-Ewropa. Semma kif, fil-każ ta’ gżejjer bħal Għawdex, hemm ukoll l-isfida tal-insularità doppja.
Huwa elenka l-isforzi li qed jagħmel il-gvern Malti fuq dan, u għamel referenza għal kif, tul dawn l-aħħar snin, l-aċċessibilità bejn il-gżejjer Maltin ingħatat prijorità.