Appartament ċkejken kien il-klassi tal-istudenti taċ-Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel fil-Ħamrun. Grazzi għal suġġett applikat li l-iskola introduċiet sena ilu bl-isem Independent Living Skills, dawn il-ħamsa u sittin student tgħallmu ħiliet importanti għal ħajjithom fosthom kif isajru u jżommu post nadif.
Il-Kap tal-Iskola, Randall Cilia, spjega li fost is-suġġetti applikati offruti fl-iskola, dan huwa l-iktar wieħed li fih l-istudeni tgħallmu ħiliet siewja li mhux biss se jgħinuhom isibu impjieg ta’ kwalità ‘l quddiem iżda se jgħinuhom jgħixu ħajja indipendenti wkoll.
“Għamilna flatlet u f’dan għandhom ċans isajru biex jgħixu indipendenti. Jitgħallmu wkoll jaħslu l-ħwejjeġ u jnaddfu biex kemm jista’ jkun ma jiddependux dejjem fuq ħaddieħor.”
Fil-bidu tas-sena skolastika l-iskola toffri jiem ta’ taħriġ għall-edukaturi minħabba li l-istudenti għandhom bżonnijiet partikolari. Dan kollu, spjegalna s-Sur Cilia, se jittrasforma lill-istudent f’adult ambizzjuż li kapaċi jsostni l-karriera tiegħu.
“Nemmnu ħafna li jekk nagħtuhom dawn l-iskills biex jgħixu ħajja indipendenti, se jsibu xogħol. Dik hija xi ħaġa għal qalbna bħala edukaturi f’din l-iskola.”
Ma’ Randall Cilia ltqajna waqt żjara li l-Ministru Owen Bonnici għamel f’din l-iskola, li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca. Hawnhekk il-Ministru ra b’għajnejh l-ambjent hieni li fih dawn it-tfal ta’ bejn il-11 u s-16-il sena jkomplu bit-traġitt edukattiv tagħhom.
Cilia qal ukoll li apparti li tkompli ssaħħaħ it-tagħlim f’suġġetti akkademiċi wkoll, l-iskola se tara li tkompli tiżviluppa l-programm għat-tagħlim indipendenti għall-benefiċċju tal-istudenti.
“Naraw kif se nkomplu niżviluppaw fuqu dan il-proġett u ‘l quddiem ikollna iżjed proġetti biex ngħinuhom iżjed lill-istudenti tagħna.”