Il-Pulizija Ġermaniża qed tinvestiga apparat suspettuż li nstab viċin suq tal-Milied f’Potsdam.
L-apparat kellu fih imsiemer, batteriji u wajers, u ntbagħat lil spiżerija fil-kapitali Berlin.
Fil-bidu, il-Pulizija qalet li fl-apparat kien hemm tliet splussivi, iżda mbagħad iċċarat li ma kienx hemm detonatur li seta jattiva l-istess splussivi. Madanakollu bħala prekawzjoni, iż-żoni ta’ madwar is-suq ġew evakwati.
L-apparat instab f’Brandenburgerstrasse fiċ-ċentru ta’ Potsdam, li bħal bliet oħra fil-Ġermanja wkoll hija magħrufa għas-swieq tal-Milied.
Il-Ministru għall-Intern ta’ Brandenburg, Karl-Heinz Schröter, qal li l-Pulizija Ġermaniża għaddejja bi tfittxija fl-inħawi biex tara jekk hemmx xi apparat simili.
Bħalissa fil-Ġermanja hemm aktar minn 2,600 suq tal-Milied, li fid-dawl tal-attakk terroristiku f’Berlin is-sena l-oħra, qed jaraw żieda sostanzjali fil-preżenza t’Uffiċjali tal-Pulizija.
F’Diċembru tas-sena l-oħra kienu mietu 11-il persuna f’attakk terroristiku f’Berlin, meta vann kien saq fuq in-nies f’suq tal-Milied.