‘Ariana’s magical journal on light’, app edukattiva biex tiffaċilita t-tagħlim mill-edukaturi lit-tfal tagħna.
Permezz ta’ din l-app żviluppata mill-konsorzju Hybrid Optomechanical Technologies, it-tfal jitgħallmu s-suġġett tax-xjenza b’mod interattiv.
Din l-app ġiet eżaminata bir-reqqa mat-tfal tal-iskola primarja f’Malta u mal-edukaturi.
Il-Professur Andre Xuereb spjega li permezz ta’ din l-app, l-istudenti se ikunu qed isolvu sett ta’ logħob u b’hekk jitgħallmu dwar temi xjentifiċi.
Qal kif, “Għenna biex niżviluppaw din l-app, li parti minnha tgħin lit-tfal ta’ età primarja jitgħallmu fuq kif pereżempju dawl jista’ mhux biss, x’kuluri għandu affarjiet hekk , imma anke jista jimbotta l-affarjiet.”
Danielle Martine Farrugia, komunikatur tax-xjenza, edukatriċi u lettur fl-Università ta’ Malta, qalet li din l-app tkompli tqanqal l-interess fix-Xjenza.
Spjegat, “Bażikament din hija b’xejn din l-app. Tista’ tmur fuq google play u tniżżilha b’xejn. Din l-app hija edukkativa għalfejn? Għaliex tiskopri, it-tfal jistgħu jużaw biex jiskopru u jkunu kurjużi fuq ix-xjenza tad-dawl.”
Waqt it-tnedija tal-app edukattiva, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana faħħret il-mod innovattiv kif it-teknoloġija timmodernizza t-tagħlim tax-xjenza u tipprovdi għodda lill-edukaturi biex jgħallmu.