Tnediet app ġdida bl-isem ta’ Budget Planner App, bħala parti mill-inizjattiva Ġemma.
L-għan ewlieni tagħha hu li teduka dwar kif għandu jkun imqassam il-flus. B’din l-app, persuna se tkun tista’ żżomm rendikont ta’ kemm tonfoq. Meta l-infieq ikun kbir, din l-app ser tinkoraġġixxi lil min jużaha biex jikkonsidra sew qabel jagħmel il-pagament.
L-għan aħħari hu li jissaħħaħ il-benesseri finanzjarju ta’ kull individwu, b’mod speċjali fost żgħażagħ ta’ 16 –il sena ‘l fuq.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fit-tnedija ta’ din l-app, fejn il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon enfasizza l-importanza li jiżdied l-għarfien b’mod tanġibbli u b’mod personalizzat għal kull individwu. Saħaq li huwa essenzjali li l-addoloxxenti jitgħallmu minn kmieni dwar kif iqassmu l-flus b’mod tajjeb.
L-app tista’ titniżżel b’xejn fuq kull mobile li huwa Android. Sal-aħħar tax-xahar din l-app ser tkun disponibbli wkoll fuq mobiles jew sistemi tal-Apple. Din l-app saret b’kollaborazzjoni mal-Universita’ ta’ Malta.