Residenti Misidjani u dawk li jżuru l-Imsida issa jistgħu jagħmlu użu minn app ġdida fuq il-mowbajl biex fost oħrajn iwasslu l-ilmenti tagħhom lill-Kunsill Lokali.
Dawk li se jużawha jistgħu jsiru jafu aktar dwar il-lokalità, ikollhom aċċess għal kameras, jirċievu avviżi, u jitgħarfu dwar il-ħruġ tal-iskart.
Is-Sindku tal-Imsida Margaret Baldacchino Cefai qalet li din l-app, li saret mill-Kunsill, se tagħmilha aktar faċli għar-residenti biex iwasslu l-ilment tagħhom.
“Naħseb se tintlaqa’ b’mod tajjeb minħabba li se tkun aktar viċin tagħhom. Meta jkun hemm xi ilment u kemm suġġeriment ukoll se tkun aktar faċli. Għandek l-app, illum kulħadd bil-mowbajl f’idu u huwa aktar aċċessibbli mill-kompjuter mid-dar,” qalet is-Sindku.
Ġorġ Borg D’Anastasi, l-iżviluppar tal-app, qal li l-app hija informattiva u interattiva.
“L-informazzjoni li għandha fiha, l-affarijiet ta’ kuljum fejn turi s-servizzi tal-kunsill. Fl-istess ħin interattiva fejn jekk ikun hemm xi ilmenti jew problema li hemm bżonn tirrapporta ruħha on the spot fejn anke tista’ tara ritratt ta’ xi ħaġa u tibagħtu lill-kunsill, ” qal D’Anastasi.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio tkellem dwar ir-riforma fil-Kunsilli Lokali.
“Minn din ir-riforma nixtieq nara li l-kunsilli lokali jkunu l-gvern lokali u minkejja li l-Oppożizzjoni tikritika lilna li neħħejna l-poteri lill-kunsilli lokali filfatt aħna f’din ir-riforma qed nagħtu poteri ġodda lir-reġjuni tagħna,” sostna s-Segretarju Parlamentari.
Għalissa din l-app tista’ titniżżel fuq mowbajls li għandhom is-sistema tal-Android iżda fi ftit ġimgħat oħra se tkun tista’ titniżżel ukoll minn mowbajls li għandhom is-sistema tal-iOS.