Tibda l-Ħarifa, it-tfal jirritornaw lura wara l-bank tal-iskola, l-għalliema jerġgħu jidħlu għax-xogħol filwaqt li dawk li jieħdu dik il-vaganza twila matul l-istaġun tas-Sajf jirritornaw lura għall-ħidma – fatturi li jżiedu t-traffiku fit-toroq Maltin. Qatt ħsibt biex tikkalkula l-livell ta’ frustrazzjoni tiegħek waqt li tkun fit-traffiku? Issa tista’.
Għal dan ġiet imnedija APP Maltija, bħala parti minn proġett li qed jaħdmu fuqu numru ta’ esperti bl-għan li joħolqu aktar għarfien u kuxjenza dwar l-importanza li f’pajjiżna jkollna sistema ta’ trasport aktar sostenibbli. Din l-APP tista’ tikkalkula l-livell ta’ frustrazzjoni tiegħek waqt li tkun fit-traffiku.
Kif?
– Din l-App tibbaża l-kalkoli fuq il-ħin li ddum fit-traffiku
– Fuq il-veloċitá li tkun għaddejja biha l-karozza
– Fuq il-ħin mitluf fit-traffiku
‘The Frustration Calculator‘ għandha l-għan li toħloq aktar kuxjenza dwar l-impatt personali li jħalli t-traffiku fuq is-sewwieqa f’termini ta’ ħin u kwalitá tal-ħajja.
Id-Direttur Ġenerali tal-proġett, Geoffrey Debono, stqarr li “L-għan tagħna huwa li noħorġu b’ideat biex titjieb is-sistema tat-trasport f’Malta, iżda qabel nagħmlu hekk, nixtiequ li l-pubbliku jsir aktar konxju dwar il-ħin li jitilfu fit-traffiku kif ukoll dwar l-impatt li jħalli fuqhom it-traffiku.” Huwa stqarr li t-traffiku jikkawża kemm telf ekonomiku kif ukoll problemi tas-saħħa li jistgħu jiġu evitati. Dan il-proġett huwa maħsub biex jipprovdi pjattaforma kollaborattiva fejn in-nies jistgħu jaqsmu l-għarfien, jipproponu ideat u jimplimentaw soluzzjonijiet.