Mil-jum tal-Ġimgħa permezz ta’ app fuq il-mobile, passiġiera kollha li jkunu ser jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer se jkollhom aċċess biex jaraw fejn waslu l-Vapuri tal-Gozo Channel kif ukoll kemm hemm karozzi jistennew fil-kju tal-vapur.
Ħabbret dan il-Ministru għal Għawdex waqt konferenza tal-aħbarijiet propju fil-port taċ-Ċirkewwa, fejn qalet kif il-Kumpanija Gozo Channel hi impenjata biex tkompli ttejjeb l-operat tagħha inkluż bit-teknoloġija.
Il-Ministru żiedet tgħid kif din l-applikazzjoni ser tkun ta’ użu kbir b’mod partikolari fil-jiem ta’ Maltemp li mistenni jkollna fl-istaġun tax-xitwa.
Il-Ministru Justyne Caruana sostniet “Permezz ta’ din il-mobile app dak li jkun ħa jkollu l-informazzjoni dwar l-iskeda, però iktar minn hekk tibdil fl-iskeda għaliex fix-xitwa minħabba t-temp ġieli jkollok tibdil fil-ħinijiet però wkoll anke mir-rotta li jaqbad il-vapur.”
Min-naħa tiegħu, Iċ-Chairman tal-Kumpanija Gozo Channel, Joe Cordina, qal kif din l-applikazzjoni ser tagħmilha aktar eħfef lill-passiġieri kollha li jaqsmu l-fliegu.
Cordina stqarr li “Ovvjament din ser tkun ta’ użu kbir għal dawk kollha li jaqsmu bejn Malta u Għawdex permezz tal-Gozo Channel.”
Intant, waqt il-konferenza l-Ministru għal Għawdex għamlet referenza għas-suċċess enormi li ġab miegħu r-raba’ vapur u qalet kif wieħed ma jistax jinjora kif matul is-sajf, l-erba’ vapuri tal-Gozo ġarru mal-1,900,000 passiġġier kif ukoll ħames 150,000 vettura, f’aktar minn 8,300 vjaġġ.