Sabiex tiġi implimentata l-Istrateġija Nazzjonali dwar Speċi Aljeni Invażivi, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA ngħaqdet maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea fil-ġlieda Ewropea kontra speċi aljeni li qed jaħkmu l-Ewropa kollha.
Fost diversi inizjattivi hemm app ġdida bl-isem ta’ ‘The Invasive Alien Species in Europe’. Din l-app se tippermetti lill-pubbliku u lir-riċerkaturi jirrappurtaw speċi aljeni f’Malta u fl-Unjoni Ewropea.
Fuq dan tkellimna ma’ uffiċjal tal-ERA, Steven Saliba fejn spjega aħjar dwar din l-app bżonnjuża li tgħin għal tnaqqis fuq danni ekoloġiċi ta’ pjanti u annimali li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ekosistema ta’ madwarna.
Qal, “permezz ta’ din l-app in-nies ikunu jistgħu jieħdu ritratt ta’ dawn l-ispeċi li huma meqjusin bħala invażivi u għalhekk jirrappurtaw il-preżenza tagħhom skont il-lokalità jiġifieri jibagħtu ritratt bil-location biex juru li hemmhekk hemm preżenza ta’ din l-ispeċi. Hekk ikunu qed jgħinu lill-ERA u lill-awtoritajiet jieħdu ħsieb li dawn l-ispeċi ma jkomplux jinfirxu u tittieħed azzjoni biex fejn hemm jitneħħew kemm jista’ jkun malajr.”
Saliba saħaq wkoll li huwa importanti li titqajjem kuxjenza u n-nies jifhmu li l-ispeċi aljeni jagħmlu ħsara kbira.
Spjega kif, “il-preżenza ta’ dawn l-ispeċi hija problematika milll-att ekoloġiku għax jikkompetu mal-ispeċi li għandna iktar tal-lokal, li suppost qegħdin hawnhekk u huma għandhom is-saħħa li jikkompetu aħjar minn dawn l-ispeċi ħafna drabi. Allura l-preżenza tagħhom tnaqqas mill-preżenza tal-ispeċi oħrajn u b’hekk id-diversità lokali maltija biex ngħidu hekk f’dan il-każ tibda tonqos.”
Għal dan il-għan, l-ERA adattat l-app għall-ambjent lokali Malti b’informazzjoni dettaljata u ritratti tal-pjanti u l-annimali li jagħmluha possibbli jissottometti rapport għal sebgħa u għoxrin speċi li huma ta’ interess dirett għal Malta.
Saliba qal li l-ERA qed tħeġġeġ lill-pubbliku biex jibda juża din l-app.
Qal, “jkunu qed jgħinuna ħafna għax aħna ma nistgħux inkunu kullimkien u l-preżenza tagħhom meta jkunu qed jippassiġġaw fil-kampanja tagħna jiħdu ritratt u jissotomettuh ħalli jipprovdu informazzjoni minn kull rokna ta’ Malta u Għawdex.”