Terz tal-Kunsilliera fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista ma vvutawx fl-elezzjoni tal-Eżekuttiv tal-partit u dan wara li saru biss nofs l-elezzjonijiet.
Fil-fatt kienu biss 68% tal-membri f’organu daqstant importanti fil-Partit Nazzjonalista li vvutaw għall-Kumitat Eżekuttiv li fih ġew eletti s-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, l-eks Ministru tat-tmeninijiet Francis Zammit Dimech u ħu Beppe Fenech Adami, Michael Fenech Adami. Tal-aħħar huwa wiċċ sinonimu anki fl-attivitajiet tal-għaqda Repubblika.
Fl-eżekuttiv ġiet eletta wkoll bint il-Viċi Kap, Alex Perici Calascione.
L-apatija fil-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech kompliet tikber u toħroġ biċ-ċar f’din l-elezzjoni għall-eżekuttiv. Fil-fatt saru biss nofs l-elezzjonijiet għall-Eżekuttiv tal-Partit, filwaqt li n-nofs l-ieħor ma sarux għax ma nstabux biżżejjed kandidati sabiex joħorġu għal dawk li jirrappreżentaw liż-żgħażagħ u anki lill-Għawdxin.
Dan ifisser li f’din l-elezzjoni għall-eżekuttiv, il-kunsillieri Nazzjonalisti vvutaw biss għal sitt irġiel u sitt nisa.
ONE News irrapporta aktar kmieni din il-ġimgħa li f’din l-elezzjoni għall-kumitat eżekuttiv, il-fazzjonijiet differenti kienu lkoll irrappreżentati: kemm dawk favur l-establishment kif ukoll dawk qrib l-eks Kap Nazzjonalista, Adrian Delia, li riedu jżommu posthom fl-eżekuttiv.
Issa ħareġ li terz mill-Kunsilliera lanqas biss marru jivvutaw biex kompliet l-apatija f’partit li fih, sena ilu, il-Kap Bernard Grech u anki l-Viċi Kap Alex Perici Calascione, telqu waħedhom biex okkupaw l-ogħla żewġ karigi fil-Partit Nazzjonalista.