It-tagħlim tal-informatika se jibda jsir b’xejn fil-kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex.
Dan wara li ġie ffirmat ftehim bejn il-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità tat-Teknoloġija Informatika (FITA) u l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali li kien ppressedut mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal li l-FITA, li ilha taħdem għal ħafna snin sabiex twassal it-tagħlim tal-informatika lil min għandu l-aktar bżonn, qed ikomplu jwasslu l-valuri tal-inklussività.
“Irridu li l-anzjani, nies vulnerabbli u nies b’diżabilità jkunu aktar indipendenti u jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar fil-komunitajiet tagħna. Dan il-ftehim se jwassal sabiex dawn in-nies jiġu mħarrġa biex ikunu jistgħu jagħmlu użu tajjeb mill-mezzi teknoloġiċi li nsibu llum.”
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li dan il-proġett huwa eżempju ieħor tal-kontribut li jagħtu l-kunsilli lokali fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti fil-lokalitajiet.
“Permezz ta’ għarfien u taħriġ fuq id-diġitalizzazzjoni, anzjani u persuni b’diżabilità ser ikollhom għodda li permezz tagħha ser ikunu aktar indipendenti, billi jipparteċipaw u jikkomunikaw b’mod virtwali, fost oħrajn,” spjegat is-segretarju parlamentari.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FITA, Carlo Stivala qal li permezz ta’ dan il-ftehim qegħdin ikunu iddeċentralizzati is-servizzi tal-Fondazzjoni. “Minflok jiġu huma jżuruna, immorru aħna fil-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex nagħtu t-taħriġ tal-informatika fejn meħtieġ,” temm jgħid is-Sur Stivala.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali Mario Fava stqarr li dan il-ftehim se jwassal għal aktar xogħol fdat fi ħdan il-kunsilli lokali. “Irridu nressqu aktar lin-nies lejn il-kunsilli lokali sabiex ikunu jafu s-servizzi kollha li jiġu offruti biex itejbu l-kwalità ta’ ħajja tan-nies,” qal is-Sur Fava.
Ritratt ewlieni: Thodonal