Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn SOS Malta u l-Aġenzija Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, se jinħoloq proġett pilota sabiex anzjani ta’ ’l fuq minn 60 sena jkunu jistgħu jingħaqdu fi gruppi ta’ diskussjoni mmexxija minn professjonisti, sabiex jiddiskutu l-aktar temi li jaffetwawhom.
Dan tħabbar waqt l-iffirmar tal-ftehim bejn iż-żewġ entitajiet.
L-għan ta’ din il-kollaborazzjoni huwa li l-anzjani jiġu megħjuna sabiex jikkontrollaw l-imġiba u l-emozzjonijiet tagħhom fid-dawl tal-bidliet fiżiċi jew mentali li ġġib magħħa l-età tagħhom.
Dan is-servizz se jikkonsisti minn grupp f’Malta u ieħor f’Għawdex, b’seba’ sessjonijiet ta’ madwar siegħa u nofs kull waħda, darba fil-ġimgħa.
Il-luttu, ir-relazzjonijiet, is-solitudni, l-irtrar ,u tibdil psikosoċjali huma fost it-temi li se jiġu diskussa f’ dawn il-gruppi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-SOS Malta, Claudia Taylor East, irrimarkat kif din il-kollaborazzjoni hija pass importanti li bih se jintlaħqu aktar anzjani.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, Renzo De Gabriele, stqarr kif dan l-iffirmar qed itejjeb il-kullana ta’ servizzi ta’ saħħa mentali li qed joffru fil-komunita’.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, spjega kif sessjonijiet bħal dawn huma importanti hekk kif l-anzjani jkunu għaddejjin minn żmien ta’ bidla.
Dawn is-sessjonijiet se jkunu bla ħlas.