Il-Gvern jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Ornis sabiex jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa tas-summiena.
Kaċċaturi li huma anzjani ‘il fuq minn 65 sena u dawk kollha meqjusa vulnerabbli ma jistgħux joħorġu għall-kaċċa. Fil-fatt il-liċenżja tagħhom tal-kaċċa ġiet miżmuma.
Il-Gvern wara konsultazzjoni wiesgħa mal-awtoritajiet tas-saħħa, qed jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ornis sabiex jinfetaħ l-istaġun għall-kaċċa tas-summiena fir-rebbiegħa, bejn l-10 ta’ April sat-30 ta’ April 2020 minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar, inkluż fost il-ġimgħa, nhar ta’ Sibt u Ħadd u festi pubbliċi.
Il-kwota nazzjonali għal dan l-istaġun hija ta’ 5,000 summiena u mhu se jkun hemm l-ebda kwota individwali.
Il-kaċċa għas-summiena hija minnha nnifisha attività solitarja jigifieri tigi prattikata minn kaċċatur waqt li jkun waħdu fir-raba’, iżda l-Gvern qiegħed ikun ċar, u skont id-direttivi li ngħataw mill-Awtoritajiet tas-saħħa diga, anzjani u persuni vulnerabbli ma jistgħux joħorġu għall-kaċċa u dan skont l-avviż legali li ġie ppubblikat. Fil-fatt ġew miżmuma l-liċenżji tal-kaċċa ta’ dawn il-persuni.
L-istess projbizzjoni tgodd ukoll għal dawk il-persuni li qegħdin kwarantina u ohrajn li huma ordnati joqghodu f’izolament. Dan ukoll filwaqt li jkunu obduti l-kumplament tad-direttivi l-oħrajn li nħarġu mill-Awtortajiet tas-saħħa pubblika fosthom li mhux permess li jkun hemm miġemgħa ta’ aktar minn 3 minn nies. Ksur ta’ dan iwassal għall-multi ta’ €100 għal kull persuna. L-istess jgħoddu l-multi għal dawk li suppost qegħdin fi kwarantina imma jinstabu barra fejn hemm tapplika multa ta’ €3,000 u multa ta’ €10,000 jekk tinstab barra persuna li suppost qiegħda f’iżolament.
Dan kollu jibqa’ validu sakemm ma jkunx hemm direzzjoni xort’oħra mill-Awtoritajiet tas-saħħa, li dejjem tiehu l-preċedenza.
Filwaqt li jsir l-appell tas-soltu sabiex ma jkun l-ebda abbuż u rregolaritajiet f’dik li hi kaċċa, l-appell huwa sabiex il-kaċċaturi u l-pubbliku ġenerali jibqgħu jobdu l-istruzzjonijiet li qed jingħataw.
Mhux se jkunu tollerati l-ebda forom ta’ abbuż.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/04/05/l-fknk-tappella-lill-kaccaturi-biex-josservaw-ir-regoli-tal-awtoritajiet-tas-sahha/