Tmien anzjani Karkariżi li għandhom bejn is-60 u s-70 sena se jintagħżlu biex imorru ġimgħa Abruzzo.
Dan bħala parti mill-proġett “PLEASE”, fejn mhux biss se sservihom bħala ġimgħa vaganza f’belt Taljana mill-isbaħ, iżda anki se jingħataw kors li jżewweġ flimkien l-ippjanar tal-vaganzi, mat-teknoloġija, kif spjegat is-Sindku ta’ Birkirkara.
Il-proġett mhuwhiex biss opportunita għall-anzjani Maltin, iżda anki għall-industrija tat-turiżmu inġenerali. L-anzjani se jiġu mgħallma kif jippjanaw il-vaganza tagħhom onlajn: jiġifieri kif jaqtgħu l-biljetti tal-ajru, kif jagħżlu lukanda, u kif se jmorru minn post għall-ieħor, fost oħrajn.
Pjan li għal ġimgħa vaganza f’pajjiż Ewropew, mhuwhiex stmat li jiswa iżjed minn sitt mitt ewro, kif spjegat il-Project Leader Giuseppina Adamo.
Ir-riċerka għal dan il-proġett qed issir f’ħames pajjiżi: f’Malta, fl-Italja, fi Spanja, fil-Greċja u fil-Bulgarija.
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis irrefera għal statistika nazzjonali, li uriet kif huma biss mal-għoxrin fil-mija tal-persuni li għandhom ’il fuq minn ħamsa u ħamsin sena, li jippjanaw il-btala tagħhom onlajn, u għalhekk jemmen li din l-esperjenza se tkun utli għall-anzjani tagħna.
L-applikazzjonijiet jistgħu jinġabru mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara.