F’Kabinett man-nies, din id-darba mal-anzjani, li b’xi mod jew ieħor għadhom jagħtu l-kontribut tagħhom fil-komunità, il-Prim Ministru Robert Abela sema’ diversi esperjenzi li għaddew minnhom tul ħajjithom u li qasmu miegħu.
Fost l-anzjani li nġabru flimkien fir-Residenza San Vincenz de Paul, tkellmet Doris Cannataci, anzjana ta’ tnejn u disgħin sena li b’suċċess lestiet id-dottorat fl-Università ta’ Malta.
Ta’ ispirazzjoni għal kulħadd, hi qalet li s-sigriet għal ħajja sana hi l-pożittività u dejjem tara nofs it-tazza mimlija biex qatt ma taqta’ qalbha.
Qalet, “Affarijiet oħrajn li jgħinuna ħafna huma, pereżempju, l-eżerċizzju fiżiku u anke mentali, għax meta nipprova kemm jista’ jkun nimxi, daqqa ftit u daqqa ħafna, skont il-bniedem kemm ikun jiflaħ. Inħobb naqra ħafna, għax dak jgħinni ħafna għall-menti tiegħi, inħobb nieħu parti fl-affarijiet u nipprova dejjem nagħmel xi ħaġa ġdida.”
Sadanittant, Patricia Darmanin, li għandha ħamsa u sittin sena, qasmet il-ħsibijiet tagħha hekk kif qed tieħu sehem fi proġett pilota, dak tal-iSchool Grannies fil-Kalkara. Dan ix-xogħol jinvolvi li l-persuni inkarigati jieħdu ħsieb dak kollu li jkun hemm bżonn fejn jidħol il-ħarsien tat-tfal ta’ bejn it-tlieta u t-tlettax-il sena.
Fil-fatt Patricia spjegat li, għall-ewwel, ħassitha ftit xettika tapplika għal dan ir-rwol, però issa li tara lit-tfal bid-daħqa fuq wiċċhom hi xi ħaġa straordinarja.
Qalet, “Verament nixtieq li din l-inizjattiva tikber fl-iskejjel jekk jista’ jkun kollha, għax hi inizjattiva li aħna l-anzjani qed tagħtina l-opportunità li nagħmluha maż-żgħar u nista’ ngħid illum qed nitkellem vera mill-qalb li magħhom sirt inħossni anzjana żagħżugħa.”
Fost id-diversi interventi li saru, il-Professur Marvin Formosa tkellem dwar il-ħemel ta’ miżuri li saru f’dawn l-aħħar snin fil-qasam tal-anzjanità attiva.
Hu tenna li l-akbar kontribut li sar f’dan il-qasam kien dak tal-ġustizzja soċjali biex l-ebda anzjan fis-soċjetà tagħna ma jitħalla barra. Aċċenna li l-kunċett tal-anzjanità attiva ta aktar setgħa lill-anzjani, anke b’kumitati fejn kull anzjan u anke qraba tagħhom jistgħu jsemmgħu leħinhom.
Qal, “F’dawn l-aħħar għaxar snin ma ninsewx li kienet l-ewwel darba li fid-djar tal-anzjani kien hemm dawk li jissejħu kumitati, jiġifieri l-anzjani għandhom l-opportunità li jkunu f’dan il-kumitat u jkunu fi djalogu kontinwu ma’ min imexxi.”
Fil-fatt, Frans Farrugia, anzjan ta’ tmienja u tmenin sena, li bħalissa qed jgħix ma’ martu f’San Vincenz, qasam mal-oħrajn l-istorja ta’ problemi ta’ saħħa li kellu mhux biss hu, imma anke martu.
Hu qal li, f’ħakka t’għajn, martu ddaħħlet l-isptar b’emerġenza u t-tobba qalulu li ma tantx kien hemm tama li tibqa’ ħajja. Frans qal li wara ħafna żmien rikoverati l-isptar jikkumbattu bejn ħajja u mewt, marru jgħixu f’dar tal-anzjani u kienet l-aħjar deċiżjoni li qatt għamlu.
Qal, “F’San Vincenz, f’Saint Joseph Ward One, mil-ewwel ġurnata ħassejna li aħna milqugħin u nħossuna qegħdin ma’ tal-familja. Jien u l-mara bħalissa ma jonqosna xejn u qed ngħixu ħajja normalissima bħalma konna qabel id-dar.”