Se jkun qed jiġi estiż is-servizz ta’ għajnuna psikoloġika lill-anzjani fil-komunità b’xejn. Dan permezz ta’ ftuħ ta’ tliet kliniċi ta’ psikoterapija, li ser jinfetħu fl-Imtarfa, Birkirkara u ż-Żurrieq.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Michael Farrugia, li qal kif is-sena l-oħra dan is-servizz beda jingħata fid-djar tal-anzjani.
Il-Ministru Farrugia qal kif mis-sena l-oħra, madwar 250 anzjan għamlu użu minn dan is-servizz. Semma wkoll kif ix-xahar li għadda, 118-il anzjan kienu qed jagħmlu użu minn dan is-servizz, hekk kif issa tneħħew iżjed miżuri restrittivi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Renzo De Gabriele qal kif dan is-servizz se jkun qed jingħata wkoll lill-qraba tal-anzjani. Intqal kif wieħed jista’ japplika fuq is-sit www.activeageing.gov.mt jew formola li tinġabar mill-Kunsilli Lokali.