“Nieħu pjaċir meta noħroġ anzi nagħli għax ma nimxix.”
Dan kien kliem Nazzarena, anzjana residenti f’San Vinċenz De Paul.
Wara xhur twal tgħix taħt protezzjoni stretta minħabba l-imxija, Nazzarena flimkien ma’ residenti oħra ta’ San Vinċenz de Paul, kienet ħerqana sabiex matul il-jum tat-Tnejn toħroġ dawra għall-ewwel darba sal-masġar ħadrani u trankwill tal-Buskett hekk kif mit-Tnejn ġew rilaxxati iżjed miżuri fosthom ħruġ għall-anzjani taħt protokolli meħtieġa.
Qalet, “Aħna nieħdu pjaċir fejn immorru. Dejjem hawn ġew u allura xi darba trid toħroġ. Tieħdu doppju l-pjaċir. Illum inzerta sabiħ, iżjed u iżjed.”
Iżda Nazzarena ma kinitx l-unika waħda eċitata biex tħoss ir-raġġi tax-xemx qalb is-siġar fil-Buskett.
Maria, residenta oħra, waqt li kienet qed tistenna biex titla’ fuq il-vann, b’daħqa fuq fommha qabdet tgħanni għanja t’imħabba.
Qalet, “Jien xebbaħtek lis-smewwiet u nitolbok li tiġi ħdejja biex inbusek…”
Mal-wasla tagħhom taħt it-tinda fil-Buskett, Maria kompliet tferraħ lil sħabha bl-għanja tagħha u qaltilna kemm tinsab ferħana li reġgħet ħarġet.
Hi temmet tgħidilna kemm dik il-ħarġa tfisser mitqlu deheb speċjalment wara dan iż-żmien ta’ sfida.
Qalet, “Jien nieħu pjaċir, immur fejn immur, anki jekk immur quddies ukoll ngħid ħriġt, nieħu pjaċir.”
Illum, is-sezzjoni tal-Anzjanità Attiva fi ħdan ir-residenza San Vinċenz de Paul reġgħet bdiet toħroġ lir-residenti tagħha għal attivitajiet fil-beraħ u fi gruppi żgħar biex xorta waħda timxi mal-protokolli eżistenti u jnaqqsu ċ-ċans ta’ tixrid ta’ xi mard.