Anzjana ta’ 80 sena mill-Ħamrun mietet wara li ttajret minn karozza fl-istess lokalità.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ waranofsinhar fi Triq Giovanni Barbara.
Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li l-vittma sfat milquta minn karozza tal-għamla Peugeot 208 li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 46 sena minn Santa Venera.
L-anzjana ngħatat l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ttieħdet l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Hija ġiet ċċertifikata li kienet f’qagħda serja.
Iżda, aktar tard matul il-lejl il-mara tilfet ħajjitha.
Il-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.