Anzjana ta’ 96 sena li kienet infettata bil-Coronavirus, mietet matul il-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt.
Hija kienet qed tingħata l-kura fl-Isptar Mater Dei, u kellha kumplikazzjonijiet oħra tas-saħħa.
L-anzjana ġiet ikkonfermata pożittiva għall-COVID-19 fis-16 ta’ April wara li kienet iddaħħlet l-isptar.
Il-Supretendent tas-Saħħa Pubblika stqarret: “Illum ħa nibdew b’aħbar ħażina għaliex kellna mara ta’ sitta u disgħin sena li kienet diġa notifikata qabel li kienet pożittiva għall-COVID-19 u li kienet qed tinżamm f’Mater Dei però baqgħet sejra għall-agħar u sfortunatament matul il-lejl li għadda, ħallietna.”
Din l-anzjana hija r-raba’ persuna li mietet bil-Coronavirus f’pajjiżna. Fil-ġimgħat li għaddew mietu wkoll anzjan ta’ 84 sena, anzjan ta’ 79 sena, u anzjana Għawdxija ta’ 92 sena.
L-erbgħa li huma kienu nies li jiffurmaw parti mill-faxxa ta’ nies vulnerabbli minħabba l-età tagħhom, u kollha kellhom kumplikazzjonijiet mediċi oħra.
Fi stqarrija, il-Ministeru tas-Saħħa wassal il-kondoljanzi lill-qraba tal-anzjana u mill-ġdid appella biex il-poplu jibqa’ jsegwi l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa biex jiġu protetti dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.