Anzjana sfat vittma ta’ serq fi Triq il-Knisja, Sliema kmieni dalgħodu għall-ħabta tas-6:00.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post, fejn sabet lill-anzjana ta’ 90 sena, residenti tas-Sliema, bilqiegħda. Ma’ l-ewwel stħarriġ jidher li l-anzjana ġiet misruqa meta kienet fi triqtha lejn il-Knisja u l-aggressur ħarab minn fuq il-post. Kif l-aggressur ġibdilha l-basket, l-anzjana waqgħet mal-art fuq ġenbha u jdejha.
Fuq il-post issejħet ukoll ambulanza li ħadet lill-anzjana lejn l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iktar tard hija ġiet iċċertifikat li qegħda ssofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.