Anzjana ta’ ħamsa u sebgħin sena tilfet ħajjitha wara li nqabdet taħt karozza f’Tas-Sliema.
Il-każ seħħ illum għall-ħabta tal-ħamsa ta’ waranofsinhar meta l-Pulizija ġiet infurmata li anzjana minn Tas-Sliema kienet sofriet xi ġrieħi f’inċident fi Triq San Publiju, Tas-Sliema stess.
Il-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ jidher li l-anzjana ħarġet mill-karozza Toyota Aygo, li kienet qed issuq.
Għal xi raġuni l-karozza mxiet ’il quddiem bil-konsegwenza li l-anzjana spiċċat maqbuda taħt l-istess vettura, li waqfet ma’ ħajt.
Tim mediku kif ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bdew jassistu lill-vittma minnufih iżda sfortunatament ftit tal-ħin wara kienet iċċertifikata mejta fuq il-post.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Lara Lanfranco li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.