Mara ta’ erbgħa u sebgħin sena weġġgħet gravi wara li ntlaqtet minn karozza aktar kmieni l-Ġimgħa filgħodu f’Ħal Lija.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħodu, u mill-ewwel investigazzjoni tal-Pulizija, irriżulta li l-mara intlaqtet minn Volkswagen Polo misjuqa minn mara ta’ tlieta u ħamsin sena fi Triq il-Kbira, Ħal Lija.
L-anzjana ngħatat l-għajnuna minn tim mediku u ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn aktar tard ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejin.